Żriegħ ta’ Siġar

Wara li bejn Frar u Marzu li għadda żrajna madwar 70 siġra, kien imiss issa li fil-25 ta’
Novembru nerġgħu niżirgħu madwar 80 siġra. Bdejna nħejju għal din il-ġurnata minn ħafna qabel – ħdimna ma’ NGOs bħal “Grow 10 Trees” u “Why not?” li pprovdulna s-siġar li kabbru huma stess fix-xhur li għaddew.

Fil-ġimgħat ta’ qabel għażilna l-postijiet li fihom jista’ jsir it-tħawwil. Tlestew il-konki u minħabba li kienet għamlet xita mhux ħażin fil-ġranet ta’ qabel, iċċekkjajna jekk il-ħamrija hiex tajba għat-tħawwil. Minn kmieni l-Ħadd filgħodu bosta studenti flimkien mal-għalliema tagħhom u nies mill-EkoSkola bdew jaħdmu qatigħ. Lestew l-għodda, ħaffru l-ħofor, ippreparaw il-bramel bl-ilma, ġarrew is-siġar ċkejknin lejn il-post u tiben niexef biex jipproteġi s-siġa ġodda. Is-siġar li ħawwilna kienu ta’ tipi differenti: żnuber, tengħud, ħarrub, lewża, tal-luq, ta’ Ġuda u ħafna oħrajn.

Li nafu fiċ-ċert hu li dawn is-siġar ċkejknin ġew imkabbrin b’tant imħabba u għożża minn persuni li għandhom għal qalbhom l-ambjent. Mal-ħin ġew diversi studenti u nies oħra li kollha taw sehemhom fl-okkażjoni. Tista’ tgħid li kienet ġurnata mimlija daqs bajda fejn kull min attenda ħa gost li kien hemm u li b’sehmu ta xi ħaġa lura lill-ambjent sabiħ li hawn madwarna.

Ms C. Seguna
Assistent kap