Żjara ġol-Palazz tal-Inkwiżitur

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Novembru, xi studenti tas-seba’ sena kellhom ħarġa ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. F’dan il-palazz kien joqgħod l-Inkwiżitur li kien l-imħallef tal-Knisja u xogħlu kien li jipproteġi l-fidi Nisranija. Min kien jinsab ħati li għamel xi ħaġa li tmur kontra r- reliġjon kien jingħata kastig. Il-ħarġa kienet interessanti u l-istudenti ħadu gost.

Fil-bidu l-istudenti ngħataw tagħrif dwar ilbies tradizzjonali. Il-ħwejjeġ kienu jiġu meħjuta permezz ta’ magna tan-newl. Dawn kienu jkunu tal-qoton jew tas-suf. Il-qoton kien isir minn fjura partikolari li kienet komuni ħafna f’Malta, filwaqt li s-suf kien jiġi meħud min-nagħaġ. Wara, kien hemm mħejjija attività marbuta ma’ dak li tgħallmu, fejn l-istudenti kellhom jagħżlu bejn ħwejjeġ tradizzjonali u dawk tal-lum. Kellhom ukoll ilibbsu maninkin bil-ħwejjeġ ta’ dari u l-istudenti ħadu pjaċir ħafna. Imbagħad kellhom l-opportunità li jaraw ħwejjeġ tradizzjonali awtentiċi li kienu jintlibsu dak iż-żmien u din il-parti interessat ħafna lill-istudenti.

L-iktar parti li l-istudenti ħadu pjaċir fiha, kienet ir-reċta. Bi tħejjija minn qabel, l-istudenti ngħataw iċ-ċans li jirreċtaw sitwazzjoni reali li kienet seħħet verament ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur. L-iktar parti eċċitanti għalihom kienet l-ilbies tal-kostumi abbinati mal-karattru tagħhom. L-istudenti daħlu ħafna fil-karattru li ngħataw  u rreċtaw tajjeb ħafna.

Din il-ħarġa kulturali kienet waħda organizzata ferm, fejn l-istudenti ngħataw tagħrif tajjeb ħafna dwar l-użanza ta’ dan il-post storiku, kif ukoll dwar affarijiet li jagħmlu parti mill-folklor Malti. Ħarġiet kulturali ta’ dan it-tip huma essenzjali ħafna għall-istudenti tagħna biex iħossuhom iktar qrib tal-imgħoddi.

Is-Sa M. Davison
Għalliema tal-Malti