Żjajjar minn awturi Maltin

“L-awtur modern isib ruħu jirrifletti fuq il-qagħda kulturali u spiritwali ta’ madwaru… iħoss realtà umana għaliex huwa aktar sensittiv minn ħutu l-bnedmin.”                                                  Mario Azzopardi
Minn din is-sena, l-istudenti tas-seba’ sena bdew isegwu sillabu ġdid tal-Malti; sillabu msejjes fuq għadd ta’ kisbiet marbutin mal-erba’ ħiliet ewlenin – it-taħdit, is-smigħ, il-qari u l-ktiba. F’dawn il-ħiliet hemm inklużi kisbiet li l-istudenti jridu jagħmlu fejn jidħol l-apprezzament għal testi letterarji varji. Fil-fatt, fis-seba’ sena qegħdin jintużaw erba’ kotba differenti biex jintlaħqu dawn il-kisbiet.

Id-dipartiment tal-Malti ħa l-inizjattiva biex f’dawn l-aħħar xahrejn, sewwa sew f’Diċembru u Jannar, jistieden żewġ awturi li l-istudenti tagħna qegħdin jaqraw il-kotba tagħhom f’xi lezzjonijiet tal-Malti. L-ewwel awtriċi li lqajna ġewwa l-iskola tagħna kienet is-Sa Roberta Bajada; għalliema tal-Ingliż li kitbet il-ktieb ‘Arloġġ u Tila’. Din iż-żjara saret qabel ma l-istudenti bdew jaqraw il-ktieb fil-klassi. Għaldaqstant, it-taħdita ħadet forma ta’ spekulazzjoni li permezz tagħha l-awtriċi tat sfond tajjeb tar-rakkont mingħajr ma żvelat wisq dettalji. L-istudenti setgħu jbassru u jistaqsu dwar il-karattri prinċipali. Din il-laqgħa serviet biex għarrxet il-kurżità tal-istudenti u meta dħalna lura mill-vaganzi tal-Milied, kienu anzjużi biex jibdew jaqraw il-ktieb.

It-tieni awtriċi li ġiet iżżurna kienet is-Sa Ruth Frendo li kitbet il-ktieb t’avventura ‘Il-Misteru tal-Għoġol tad-Deheb’. Din it-taħdita kienet ferm interattiva li fiha ntużaw filmati, ċerti animazzjonijiet u anke xi affarijiet li dehru fil-film bbażat fuq din il-ġrajja li ħareġ fis-sena 2017. L-istudenti ħadu interess kbir u dan kollu għen biex jidħlu aktar fir-rakkont hekk misterjuż ta’ dan il-ktieb.

Għaż-żewġ okkażjonijiet, l-istudenti flimkien mal-għalliema tal-Malti tagħhom, ħejjew sensiela ta’ mistoqsijiet biex ikunu jistgħu jistaqsuhom lill-awturi waqt it-taħditiet. Iżjed minn hekk, l-istudenti kellhom l-opportunità li jixtru xi kotba oħra li kitbu dawn l-awturi bil-firma tagħhom stess. Id-dipartiment tal-Malti jemmen ħafna fi żjarat bħal dawn u ninsabu ħerqana biex nilqgħu iktar awturi fl-iskola tagħna fix-xhur li ġejjin.

Is-Sa S. Apap
Kap tad-dipartiment tal-Malti