Tranżizzjoni… X’qed isir

Bħal ma jsir kull sena, din is-sena wkoll ħsibna biex ngħinu l-istudenti tal-Year 8 biex jagħmlu l-aħjar għażla tas-suġġetti għas-sena d-dieħla. Bl-għajnuna tas- Social Team, ippreparajna ktejjeb informattiv dwar is-suġġetti offruti fil-kulleġġ tagħna. L-istudenti kellhom żjara fil-Liċeo tal-Ħamrun, fejn għalliem/a minn kull suġġett ta/t introduzzjoni tas-suġġett biex b’hekk l-istudenti jkunu mħarrġa aħjar biex jagħmlu l-għażla tagħhom. Aħna nemmnu li l-ġenituri huma pedina importanti fil-ħajja tal-istudenti tagħna, u nafu li xi ftit jew wisq jinvolvu ruħhom f’din l-għażla. Għalhekk stedinnihom għal laqgħa informattiva dwar is-suġġetti u dwar kif jistgħu jigwidaw lil uliedhom biex jagħmlu għażla għaqlija.

Għażla importanti oħra jagħmluha l-istudenti tal-Primarja li qegħdin fil-Year 6, fejn jagħżlu lingwa li ser jistudjaw għall-ħames snin li jqattgħu fis-Sekondarja. Bl-għajnuna tas-Social Team tal-kulleġġ, ħejjejna attivitajiet ta’ diskussjoni u żornihom fil-klassijiet tagħhom stess fil-primarja. Bħal kull sena oħra, aħna lqajna wkoll fl-iskola tagħna lil dawn l-istudenti, sabiex jorjentaw ruħhom mal-iskola. Ħadnihom mawra mal-iskola u wrejnihom fost oħrajn, il-klassijiet, il-laboratorji tal-kompjuter u tax-xjenza, il-librerija u l-grawnd tal-isport. Għamilna wkoll attivitajiet fi gruppi, fejn l-istudenti tħalltu flimkien biex jiddiskutu xi diffikultajiet jew beżgħat li ġġib magħha din ittranżizzjoni.

Mis-Sezzjoni tal-Guidance

Comments are closed.