Il-viżjoni tagħna
It-tagħlim huwa s-sors ewlieni għal kull tip ta’ ġid. Huwa vjaġġ mingħajr destinazzjoni finali; ktieb li qiegħed dejjem jinkiteb. It-tagħlim jinvolvi proċess kontinwu u għaldaqstant, m’għandux skadenza. Il-ħajja nnifisha hija klassi dejjiema li fiha wieħed jissokta jistagħna fit-tagħlim biex ilaħħaq mat-tibdil tad-dinja, jiftaħ moħħu u jiġġedded fl-ideat tiegħu. Aħna m’aħniex il-prodott ta’ dak li nafu. Aħna dak li lesti li nitgħallmu.
Il-missjoni tal-iskola tagħna
Aħna nemmnu bi sħiħ li l-ambjent tal-iskola għandu jkun wieħed inklussiv għall-aħħar biex fih l-istudenti kollha jħossuhom protetti, aċċettati u li dejjem hemm xi ħadd lest biex jifhimhom. Nagħmlu ħilitna biex l-istudenti kollha jiżviluppaw abilitajiet differenti ħalli jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom. L-għan ewlieni tagħna hu li nagħrfu dawn il-kwalitajiet u naħdmu lkoll flimkien f’armonija u rispett reċiproku. Aħna nifhmu li xogħolna u l-progress tal-istudenti tagħna jitolbu responsabilità kbira minna. Dan kollu, flimkien mal-kollaborazzjoni tal-ġenituri, għandu jservi ta’ pedament sod u għaqli għas-suċċess tal-istudenti biex ’il quddiem ikunu ċittadini li kapaċi jaqdu d-dmirijiet tagħhom fi ħdan is-soċjetà u pajjiżna.