Tfal li għamlu unur lill-Iskola Tagħna

Il-Ħadd 14 ta’ Jannar 2018, tliet studenti mill-iskola tagħna, ġew magħżula fost studenti minn skejjel oħra, għall-ġesti sbieħ li għamlu. L-istudenti Kaya Azzopardi tas-seba’ sena, Cloyvin Azzopardi tat-tmien sena u Shazney Pule tal-ħdax-il sena ngħataw il-premijiet waqt riċeviment organizzat mill-‘Fondazzjoni Daqqa t’Id’ f’Villa Lija, Ħal-Lija. Dawn il-premijiet tqassmu mill-Eċċellenza tagħha Mary Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta.

Kaya Azzopardi tas-seba’ sena rebħet il-premju ta’ ‘Sens ta’ Responsabiltà’. Kaya wriet mħabba kbira lejn l-oħrajn u tħobb tgħin fl-iskola.

Cloyvin Azzopardi tat-tmien sena rebaħ il-premju ta’ ‘Inklużjoni u Ħbiberija’. Cloyvin huwa tifel mimli enerġija iżda kien jieħu ħsieb tifel bl-awtiżmu fuq il-private tal-iskola. Kien jawguralu l-ġurnata t-tajba, kien ipoġġi bilqegħda ħdejh, jinżel miegħu bil-private u jmorru d-dar flimkien. It-tifel kien ifittxu għax ra fih ħabib ġenwin.

Shazney Pule tal-ħdax-il sena, ħadet il-premju ta’ ‘Għaqda u Inklużjoni’. F’għeluq żmienha ddeċidiet li taħseb f’ħaddieħor għax tat donazzjoni lil Dar Fra Diegu.

Prosit kbira lil dawn it-tliet studenti tal-ġesti sbieħ li għamlu. Żgur li huma ta’ eżempju pożittiv għal ħaddieħor.

Is-Sa. S. Borg
LSE