Taħdita mill-awtur Carmel G. Cauchi

Nhar it-18 ta’ Jannar 2018, kellna x-xorti li niltaqgħu aktar mill-viċin ma’ wieħed mill-aktar awturi Maltin popolari mal-kbar kif ukoll maż-żgħar. Żgur li Pietru Pitravu, Mastru Gerfex jew Betta Trombetta huma karattri popolari fil-letteratura Maltija. U mal-istudenti fl-iskejjel medji huwa popolari wkoll Zito Zandarell peress li huwa l-karattru prinċipali fir-rumanz li nistudjaw fis-seba’ sena.

L-istudenti mill-klassijiet 101 sal-108 semgħu lil Cauchi jitkellem dwar il-proċess tal-kitba u kif wasal fejn wasal illum. Qasam magħna bosta ġrajjiet ta’ tfulitu u memorji passati, kif ukoll uriena x’kien jinvolvi l-proċess kollu sakemm tippubblika ktieb fi żminijiet fejn it-teknoloġija ma kinitx bħal dawn iż-żminijiet.

Lejn l-aħħar tal-laqgħa tagħna, l-awtur ħeġġeġ lill-istudenti biex jaqraw aktar għaliex mill-qari jistgħu jakkwistaw għerf li mkien iżjed ma ssib bħalu. L-istudenti ħadu interess f’dak li qalilhom għaliex fl-aħħar staqsewh ukoll għadd ta’ mistoqsijiet, dwar ħajtu, l-istejjer u l-kotba li kiteb u anke minn fejn jiġuh l-ideat. Wieħed mill-kotba li jibqa’ għal qalbu żgur huwa ta’ Mastru Gerfex għaliex skontu, bih bdiet il-karriera tiegħu. Xi studenti donnhom issuġġerew ukoll li għandu jkun hemm it-tieni ktieb ta’ Zito Zandarell…min jaf x’baqgħalna naqraw mingħandu ’l quddiem?!

Is-Sa. M. Vella
Għalliema tal-Malti