Spazji ta’ Talb (Prayer Spaces)

Kif ċertu studenti jibdew jikbru u jimmaturaw, jibdew jikbru wkoll il-mistoqsijiet li kull bniedem isaqsi, fosthom dwaru nnifsu, dwar l-univers u dwar dak kollu li ma nistgħux nagħtu spjegazzjoni għalih. Għalhekk jibdew ifittxu biex jispjegaw il-valur tagħhom infushom, is-sens ta’ identita’ personali u l-għan u l-iskop ta’ din il-ħajja.

L-għan ta’ dawn l-ispazji ta’ talb hu biex l-istudenti, ta’ kull reliġjon, ikollhom iċ-ċans, f’ambjent kwiet u seren isaqsu dawn il-mistoqsijiet, u jkollhom l-opportunita’ biex igawdu minn mumenti ta’ riflessjoni, b’oppost għall-ħajja mgħaġġla tal-lum li ftit toffri dan.

Dan isir permezz ta’ attivitajiet differenti u kreattivi li jolqtu lill-istudenti. Ġeneralment ikunu marbuta l-aktar ma’ żmien l-Avvent jew ir-Randan, ispirati wkoll minn ġrajjiet kurrenti li jkunu qed jiġru fid-dinja. F’kull spazju ta’ talb l-istudenti jkunu mistiedna jirriflettu fuq l-inġustizzji, il-maħfra, l-imħabba, u l-gratitudni fost affarijiet oħra.

Ħafna studenti jibbenefikaw minn dawn l-ispazji ta’ talb, tant li ħafna jkunu jixtiequ jerġgħu jiġu u jesperjenzaw dawn il-mumenti li għalkemm qosra, joffrulhom ftit kalma u kuntentizza li forsi fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum mhux dejjem isibu.

 
Is-Sa R. Frendo
Għalliema tar-Reliġjon