Snow White – Pantomima 2012

 b11

Snow White – Pantomima 2012

Wegħda hija dejjem wegħda.  Xi tgħidu? U s-sena l-oħra wegħdnikom li jkollna Pantomima oħra, pantomima  aqwa u aħjar!   U nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li Snow White kienet suċċess kbir.  Fil-fatt mhux bi ftaħir u lanqas b’esaġerazzjoni, imma jkolli ngħid li l-ġurnali u magazines kemm lokali u kemm internazzjonali kienu mimlija b’ritratti tagħna.  Intervisti ma’ l-atturi kollha ma waqfux!!  u ġejna offruti bosta xogħlijiet f’teatri  madwar id-dinja kollha.  Insomma fi ftit kliem sirna famużi ma’ l-erba’ rjieħ tad-dinja.

Ma kinitx biċċa xogħol ħafifa tafux!  L-ewwel problema li kellna naffaċċaw kien il-fatt li l-imbierka Manann kienet qegħda taħdem bħala nanny fil-palazz bla ktieb tax-xogħol u tgħidx x’inkwiet daħħlitna fih!! Għal ftit ma spiċċajnix kollha ġoċ-ċipp minħabba fiha għax meta ġew tal-Labour Office ħebbet għalihom.  Imnalla kien Mr Bum Bum li bħala President ta’ l-Ghaqda Kaċċaturi u Nassaba tal-Blata l-Bajda qabeż għalina.

Imbagħad kellna problema oħra.  Dik l-imbierka qattusa ta’ Snow White intilfet fil-foresta u  ħadna battikata papali biex sibniha.  Insomma imnalla kien Stuffy, il-qattus tal-Prinċep tal-Blata s-Sewda li sabha mwerwra ġo tank ta’ l-ilma.

U Fredu ħolqilna problema oħra! Għax kulħadd kien konvint li fl-istorja ta’ Snow White in-nani kienu sebgħa mhux tmienja.  Allura meta sar magħruf li fid-dar ċkejkna fil-foresta kien hemm Fredu ukoll, missier in-nani ried jagħmillu test tad-DNA!  Insomma fl-aħħar kollox għadda b’wiċċ il-ġid!

U issa?  Xi jmiss?  Stennew u taraw!!

Narawkom Milied ieħor …. tgħid nissogra nżid, b’xi ħaġa aqwa u aħjar????

Daniela Dimech

 

Comments are closed.