Sindirella – Pantomima 2011
Kien f’Diċembru tas-sena 2010, eżatt xi ġimgħa qabel il-kunċert tal-Milied, li aħna, grupp ta’ għalliema ddeċidejna li kien wasal iż-żmien li nuru t-talenti artistiċi moħbija li għandna lill-istudenti tagħna. Għalhekk f’kemm ilni ngħidilkom ġie mtella’ l-programm “Blata l-Bajda ‘s got Talent”. Nassigurakom li konna l-għira ta’ artisti internazzjonali famużi! Min kanta, min stona, min żifen u min iċċaqlaq aktar milli żifen. Haġa kienet żgura: ħadna pjaċir aħna u ħadu pjaċir l-istudenti.
U kien proprju dak inhar li faqqas go moħħi l-ħsieb li f’Diċembru ta’ wara, jiġifieri f’Diċembru tal-2011, sena qabel tispiċċa d-Dinja u nisparixxu bla ma nieħdu xi Oscar jew Grammy Award, ntellgħu xi ħaġa ikbar, xi ħaġa aħjar!! Intellgħu pantomima! U mill-ewwel il-ħsieb mar fuq „Sindirella“. Ħadt gost bl-entużjażmu li bdejt nħoss fi sħabi u wegħdthom li niktibha jien!! Ommi ma, kien proprju dak inhar ukoll li ntbaħt kemm kien veru l-kliem li tgħidli ommi, li għandi diploma fid-defsoloġija!! Ara jiena lanqas qatt ma kien jirnexxieli nikteb komponiment sura bil-Malti, hemm kont qegħda nwiegħed solennament lil sħabi li niktbilhom pantomima!!!
Imma sewwa jgħidu li meta ddaħħal go moħħok li tagħmel xi ħaġa, u taħdem għaliha, jirnexxilek!! Fil-vaganzi tas-sajf, ġo kamra ffriżata bl-arja kkundizzjonata u xorta bl-għaraq ixoqq għalija, bdejt nara kif kont ser nibda din il-pantomima. Inqerr magħkom li l-bidu kien iebes, imma mbagħad bħal donna l-muża ndunat bl-isforz kbir li kont qed nagħmel u ddeċidiet li ttini daqqa t’id. U l-pantomima „Sindirella“ nkitbet!!!
Bdiet l-iskola, intagħżlu l-atturi u bdew il-provi!! Bdiet it-tfittxija intensiva ghall-ħajjata, artisti tal-make up u hairdressers! Ikolli nammetti li dawn ma sibnihomx, mhux għax ma kellniex biex inħallsu tafux, imma għax dawk li avviċinawna ma laħqux l-aspettattivi tagħna u għalhekk kellna nikkuntentaw b’dak li ddubbajna. X’tagħmel!
Kien żmien sabiħ li għinna nsiru nafu aktar lil xulxin u għaqqadna bħala grupp. Kienet vera esperjenza sabiħa u nassigurawkom li s-sena dieħla m’aħniex ser niddiżappuntawkom għax ser inkunu aqwa u aħjar!! Nitlobkom biss biex tibdew it-talb tagħkom ħalli ħabibti l-muża ma tabbandunanix f’siegħa tal-bżonn!! Narawkom f’Diċembru li ġej!!
Daniela Dimech