Rights 4 U 2017

Kors dwar id-Drittijiet tat-Tfal u Żgħażagħ

Il-Kummissarju għat-Tfal qed tistieden żgħażagħ biex jipparteċipaw f’kors dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Għal kull kors ser jiġu magħżula madwar 40 żagħżugħ/a.

Il-kors ikun jikkonsisti f’numru ta’ laqgħat u attivitajiet relatati mad-Drittijiet tat-Tfal. Il-kors se jieħu l-forma ta’ “live-in” li ser isir bejn id-29 u l-31 ta’ Awwissu fis-Seminarju tal-Arċisqof, Rabat, Malta. Il-parteċipanti se jkunu mistiedna biex jieħdu sehem f’diskussjonijiet u attivitajiet oħra, skont il-programm li huwa interattiv ħafna. Il-kors ser isir bil-Malti.

Rights 4U Poster

F’dawn il-ġranet il-parteċipanti ser ikollhom l-opportunita biex isiru jafu u jinterpretaw tajjeb id-drittijiet tat-tfal skont il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Ser ikun hemm ħin ukoll għall rikrejazzjoni flimkien.

Iż-żgħażagħ li jistgħu jipparteċipaw iridu jkunu:

  • Bejn 13 u 15-il sena
  • Lesti li jattendu għal kors dwar id-Drittijiet tat-Tfal bejn id-29 u l-31 ta’ Awwissu, ġewwa s- Seminarju tal-Arċisqof, ir-Rabat, Malta.

Biex niżguraw li jkollna rappreżentanza miftuħa u inklussiva, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal se juża kriterji ċari biex jiġu magħżula l-parteċipanti għall-kors. Dawn jinkludu bilanċ bejn subien u bniet, rappreżentanza mill-etajiet diversi, rappreżentanza minn skejjel indipendenti, tal-knisja u tal-iStat, inklużjoni ta’ dawk il-gruppi li jkunu diffiċli biex jintlaħqu, bħal tfal taħt xi kura speċjali, tfal b’diżabilita`, tfal imigranti u tfal bi ħtiġijiet oħra.

Minħabba li n-numru ta’ postijiet huwa limitat, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jirriżerva d-dritt li jtella’ bil-polza l-applikazzjonijiet li jidħlu skont il-kriterji msemmija.

L-għaqdiet u l-iskejjel huma mitluba li jħeġġu liż-żgħażagħ sabiex jattendu għal dan il-kors.

Bl-ebda mod ma nixtiequ li l-flus ikunu ta’ impediment għal min irid jattendi dan il-kors. Madankollu qed nitolbu ħlas nominali ta’ €43 li jitħallsu meta l-applikanti jkunu ġew magħżula biex jattendu l-kors. Il-kumplament tal-ħlas tal-kors ser jigi sponsorjat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal. B’dan il-mod niżguraw li ma jkunx hemm min iwaqqa’ l-applikazzjoni fl-aħħar ħin u b’hekk itellef post lil ħaddieħor. L-Uffiċċju lest li anke jisponsorja numru limitat ta’ parteċipanti li jkollhom diffikulta li jħallsu  l-€43.

Dawk interessati li jattendu għandhom jibagħtu applikazzjoni lil:

Ms. Suzanne Garcia Imbernon

Rights 4 U

16/18, Dawret it-Torri

Santa Luċija, SLC 1019

jew b’ e-mail fuq suzanne.gili@gov.mt

L-applikazzjonijiet għandhom jaslu sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 29 ta’ Mejju 2017.

Application form

Rights 4U 2017 – Information Sheet