Missio Craft Sessions

F’Awwissu tas-sena l-oħra, is-Sa Nancy Camilleri minn Missio Malta għamlet kuntatt magħna sabiex minn Settembru tibda taħdem mal-iskola tagħna. U hekk ġara!

Mas-Sa Camilleri ppjanajna minnufih u fl-ewwel term skolastiku, hi tellgħet preżentazzjonijiet lill-istudenti tagħna. Dawn is-sessjonijiet taw lill-istudenti tagħna informazzjoni dwar pajjiżi bħall-Perù u l-Etjopja li Missio Malta ħadmet fihom sabiex tagħmel il-ġid lill-proxxmu.

F’Jannar u Frar imbagħad is-Sa Camilleri daret kull klassi u mal-istudenti tagħna għamlet crafts tipiċi minn pajjiżi differenti. Kienu tassew sessjonijiet interessanti għax l-istudenti ħadu sehem attiv u tgħallmu wkoll japprezzaw kulturi oħrajn.

U ma setax jonqos li aħna bħala skola b’qalb kbira nagħtu sehem fil-Maratona Hope li Missio Malta tagħmel kull sena f’Marzu. L-istudenti tagħna taw donazzjoni sabiħa għal dan l-għan nobbli u anka ppreparajna tajra bl-arma tal-kulleġġ tagħna. Fil-Guatemala it-tajr kollha lwien u disinn, li f’Malta huma magħrufa wkoll bħala manoċi, jittajru sabiex ifakkru lil dawk il-persuni li ħallew din id-dinja u l-ispirtu tagħhom jittajjar fis-smewwiet.

Aħna bħala skola ninsabu kuntenti immens li kellna dan iċ-ċans li naħdmu ma’ Missio Malta u nittamaw li nkomplu b’din il-koperazzjoni!

 

 

Is-Sa C. Seguna
Assistent Kap