Messaġġ tal-Kap tal-Iskola

Ħafna drabi ma nirrealizzawx il-poter li għandhom il-ġesti; ġesti żgħar, bħal ngħidu aħna, tgħanniqa, tbissima, kelma ta’ kuraġġ jew sempliċiment, taptipa fuq l-ispalla. F’dinja fejn isaltan l-istorbju u l-ġiri sfrenat, faċli tinjora dawn il-messaġġi jew jekk tarahom, ma tiqafx u tipprova tifhem is-saħħa li għandhom f’ħajjet ħaddieħor.

L-istudenti tagħna huma f’età vulnerabbli ħafna. Faċli jirribellaw għal dak li sa issa kienu jaċċettaw bla problemi ta’ xejn u jtellgħu l-ħbieb fuq pedestall mingħajr ħafna ħsieb. F’dan il-perjodu, ħafna żgħażagħ iserrħu fuq idoli differenti li f’għajnejhom ikunu perfetti f’kollox. Għalhekk, tajjeb li wieħed jistaqsi x’tip ta’ idoli jew x’prattiċi tajbin qed ikollhom f’ħajjithom. L-eżempju jkaxkar, jgħid il-Malti, u għaldaqstant, f’dan iż-żmien, iktar minn qatt qabel, irridu nkunu adulti responsabbli li lil uliedna nagħtuhom xhieda ta’ ħajja tajba. Inutli ngħallmu lil uliedna kif jgħoddu jekk noqogħdu lura milli ngħallmuhom dak li verament jgħodd fil-ħajja.

Issa li riesaq żmien il-Milied, ejja naraw lil hinn mit-tiżjin u t-tlellix. Ejja nippruvaw inħennu iżjed u niġġudikaw inqas. Ejja niftakru li b’ġest żgħir ta’ kompassjoni nistgħu nkunu l-idoli u l-kenn ta’ xulxin.

Is-Sa A. Borg Gaffarena
Kap tal-Iskola