Messaġġ mill-Kap tal-Iskola

Iż-żmien ma jistenna lil ħadd u diġà wasalna f’nofs sena skolastika oħra. Wieħed mill-iskopijiet ewlenin tagħna l-edukaturi huwa li nrawmu lill-istudenti biex ’il quddiem isiru ċittadini denji ta’ pajjiżhom. Is-snin tas-sekondarja malajr igerbu u dlonk isibu ruħhom fid-dinja tal-‘kbar’. Għaldaqstant, huwa d-dover tagħna li nippreparawhom billi ngħaddulhom il-ħiliet neċessarji biex jitgħallmu jiffunzjonaw fis-soċjetà mingħajr wisq skossi.

Huwa importanti li minn ta’ din l-età nibdew nagħtuhom xi responsabilitajiet. Fattur importanti li fid-dinja frenetika tal-lum tajjeb li jibdew iħaddnu llum qabel għada, huwa dak tat-tqassim tal-ħin. Li tqassam il-ħin tajjeb jitlob li tkun organizzat f’xogħlok. Fl-iskola tagħna ħassejna l-bżonn li jkun hemm xi għalliema li jservu bħala gwida fejn tidħol organizzazzjoni tal-basket tal-iskola. Hija ħasra li naraw tfal mgħawġa ganċ iġorru basktijiet tqal ċomb ġurnata wara oħra. Jekk wieħed jitgħallem iqassam il-kotba skont il-lezzjonijiet tal-ġurnata u juża l-locker time b’mod għaqli, dan jista’ jiġi evitat.

M’għandix dubju li bi ftit iktar sforzi min-naħa ta’ kulħadd, l-istudenti kollha jakkwistaw ħiliet organizzattivi tajbin.

Is-Sa A. Borg Gaffarena
Kap tal-Iskola

Comments are closed.