Messaġġ mill-kap tal-iskola

Resqin lejn tmiem sena skolastika oħra; sena mimlija daqs bajda li fiha ppruvajna noħolqu opportunitajiet ta’ tagħlim li jmorru lil hinn mill-erba’ ħitan tal-klassi. Bħala skola nemmnu f’tagħlim innovattiv biex inkunu nistgħu nippreparaw lill-istudenti tagħna għad-dinja kompetittiva ta’ studju u xogħol. Nagħmlu dak kollu possibbli biex kull student joħroġ il-potenzjal massimu tiegħu għax kull student jeċċella f’xi ħaġa u għandu x’joffri.

Kull sena skolastika toffri l-isfidi tagħha. Din li se ntemmu minn hawn u ftit ġimgħat oħra kienet partikolari għax rat l-introduzzjoni ta’ sillabi ġodda għall-istudenti tas-seba’ sena. Rajna bidla fil-mod ta’ kif l-istudenti qegħdin jiġu assessjati. Twarrbu l-eżamijiet ta’ nofs is-sena biex tajna iktar importanza lill-assessjar formattiv li jsir matul is-sena. Dawn kollha huma bidliet kbar għalina l-edukaturi imma lqajniehom b’determinazzjoni u nistgħu ngħidu li rriżultaw f’suċċess.

Issa li s-sajf kważi magħna, ippermettuli parir jew tnejn. Gawduh kemm tifilħu: kulu l-ġelati, ixxemmxu, ilagħbu u ddevertu imma sibu anke l-ħin biex taqraw u tirrevedu xi xogħol tal-iskola. Iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd u Settembru jasal qabel ma nirrealizzaw.

Is-Sa A. Borg Gaffarena
Kap tal-Iskola