L-istudenti tagħna u l-logħob tradizzjonali

Il-proġetti ħafna drabi huma relatati ma’ riċerka, imma din id-darba diversi studenti flimkien mal-għalliema tal-Malti s-Sa. Bilocca, is-Sa. Farrugia u s-Sa. Spiteri għexu l-logħob li kienu jilagħbu n-nanniet jew saħansitra l-bużnanniet tagħhom barra fit-triq. Uħud minnhom huma spjegati hawn isfel.

Il-Qbiż tal-Ħabel huwa ġeneralment logħob tal-bniet imma ntlagħab anke mis-subien
u minkejja li mhux kulħadd kien jaf jaqbżu, xorta ppruvaw u ħafna minnhom irnexxielhom. Hemm ħafna logħob li fih jintuża l-ħabel u aħna ppruvajna diversi minnhom. Bdejna billi l-istudenti qabżu l-ħabel b’mod individwali billi dawru u qabżu b’ħabel qasir tagħhom stess. Imbagħad lgħabna l-logħba fejn żewġt itfal kienu qed idawru l-ħabel bla waqfien, filwaqt li persuna oħra taqbeż.

Logħba oħra hija dik Taż-Żiemel. Bl-istess ħabel li użajna fil-qbiż, għaddejnieh wara għonq u taħt spallet student li jkun iż-żiemel, u s-sewwieq jaqbad it-truf. Hawnhekk għamilna tlielaq amikevoli mad-dawra talpark naturali li sar il-korsa tagħna.

L-istudenti kellhom iċ-ċans jilagħbu wkoll il-logħba tradizzjonali magħrufa bħala It-Tiġieġa l-Għamja. F’din il-logħba xi ħadd irid joqgħod fin-nofs b’għajnejh mgħottija b’ċarruta, filwaqt li jipprova jaqbad lit-tfal l-oħra. Jekk jirnexxilu jmiss lil xi ħadd, dan irid jieqaf u dak t’għajnejh mgħottija jrid jipprova jaqta’ min hu/hi. Jekk jaqta’, hu jinħeles u l-ieħor irid jilgħabha tat-tiġieġa l-għamja minfloku. Ħafna mill-istudenti kienu jafu kif tintlagħab din il-logħba u ħadu gost ħafna waqt din l-attività.

L-istudenti ġeddew anke l-memorja tagħhom fil-Primarja, fejn anke kantaw u lagħbu logħob magħruf bħalma huma Dawra Durella, Iż-Żunżana Ddur Iddur u Onġi Onġi Onġella. Fl-aħħar l-istudenti ġew miġbura u staqsejniehom mistoqsijiet relatati mal-logħob li lagħbu. Mir-rispons tagħhom jidher kemm ħadu pjaċir u fehmu iktar il-logħob tradizzjonali u rrealizzaw kemm it-tfal ta’ dari kienu jilagħbu bix-xejn u xorta kienu jgħaddu siegħa żmien. Kienet attività utli u esperjenza ħelwa għall-istudenti li żgur se tgħinhom meta jiġu biex jagħmlu l-proġett marbut mas-sillabu tal-Malti.

Is-Sa. M. Bilocca, is-Sa. L. Farrugia u s-Sa. S. Spiteri
Għalliema talMalti

Comments are closed.