L-Attivitajiet tal-Milied

Għal sena oħra l-aħħar ġranet qabel il-vaganzi tal-Milied kienu mimlijin daqs bajda b’attivitajiet biex iferħu lill-istudenti tagħna. Bil-ħidma bla waqfien ta’ wħud mill-għalliema, ittellgħet għażla sabiħa ta’ logħob u festin fis-sala tal-iskola biex niċċelebraw flimkien dan iż-żmien sabiħ u għal qalb ħafna minna.

Bħal snin imgħoddija, l-istudenti tal-iskola tagħna kienu mistednin iżuru l-iskola sekondarja tal-kulleġġ tagħna fejn assistew għal pantomima bit-titlu ‘Isabella u l-Mostru’. Din kellha tkun waħda minn żewġ pantomimi li jaraw l-istudenti tagħna, hekk kif l-għada l-għalliema tagħna taw huma wkoll l-interpretazzjoni tagħhom ta’ din il-ħrafa tant magħrufa.

Nhar l-Erbgħa 19 ta’ Diċembru id-direttur spiritwali tal-iskola, Fr Ruben Vella, qaddes żewġ quddisiet fis-sala tal-iskola, waħda għal kull sena. Ms Josette Borg, LSE u persuna midħla sew tal-qasam tal-animazzjoni tal-quddies, ippreparat lill-istudenti tat-2.07 u t-2.08 biex janimaw il-quddiesa magħha bil-kant.

Il-Ħamis 20 ta’ Diċembru l-lezzjonijiet waqfu ħesrem mar-raba’ lezzjoni, u hemmhekk bdiet ħidma differenti għall-għalliema li ħadu sehem f’inizjattiva ġdida fl-iskola tagħna. Numru ta’ għalliema ħadu ħsieb li jħejju logħob, taħbil il-moħħ u kwiżis li jistimolaw l-interess tal-istudenti tagħna. Ħafna kienu marbutin ma’ dan iż-żmien tas-sena; b’hekk l-istudenti pparteċipaw fi kwiżż dwar it-tradizzjonijiet tal-Milied, ħabblu rashom biex jgħaqqdu sentenzi b’tema tal-Milied, u lagħbu fil-gym f’timijiet bħala ċriev u l-elves ta’ Santa Klaws. Logħob ieħor ra lill-istudenti jippruvaw jaqtgħu biċċa minn diska popolari jew film animat famuż minn numru ta’ elementi mill-istorja tiegħu.

Lejlet il-vaganzi l-istaff organizza festin għall-istudenti bis-sehem ta’ ħafna għalliema, LSEs, u membri oħra tal-istaff. Mal-ħoss ma jaqta’ xejn tal-mużika, studenti u membri tal-istaff żifnu u ssoċjalizzaw flimkien. It-tfal ingħataw iċ-ċans li jieħdu ritratt b’numru ta’ props differenti biex ikollhom tifkira tal-ġurnata. B’hekk ingħalaq kapitlu ieħor fil-ġrajja tal-iskola tagħna… biss it-tmexxija tal-iskola kienet diġa’ bdiet taħseb għall-attività li jmiss!

Is-Sur S. Zammit
Kap tad-dipartiment tal-Ingliż