Kantakantun Bieb Bieb

X’inhu bieb? Għal ħafna minna, it-tweġiba hija waħda ovvja fetħa ġo ħajt jew biċċa għamara li tagħtik aċċess għal imkien ieħor. Iżda bieb jista’ jfisser ħafna iktar minn hekk! Permezz tal-proġett KantaKantun Bieb Bieb, l-istudenti tal-klassi 101 kellhom l- opportunità li jesploraw il-bieb permezz tad-dixxiplini tal-mużika u l-arkitettura. Dan il-proġett, li huwa kkummissjonat minn Valletta 2018 flimkien mal-festival għat-tfal Żigużajg, huwa mmexxi mill-kompożitur Alex Vella Gregory flimkien mal-perit Charlo Briguglio. L-għalliema Simon Farrugia u Diane Mizzi Gatt ħadmu sabiex l-istudenti tal-iskola jkollhom din l-opportunità. Il-proġett jikkonsisti f’serje ta’ tliet workshops li jwasslu l-istudenti joħolqu biċċa mużika u biċċa xogħol artistika li mbagħad sejrin jintużaw f’installazjoni artistika f’Żigużajg ta’ din is-sena. Dan il-proġett inqasam fi tliet partijiet.

Fl-ewwel parti l-istudenti kellhom l-opportunità li jmorru fuq bus tour madwar Malta sabiex jesploraw bibien differenti. Dan kien jinkludi imkejjen bħal Bieb il-Belt, il-bieb tal-Imdina u l-bieb tal-bronż tas-Santwarju tal-Ħniena Divina ġewwa n-Naxxar li hu xogħol tal-artist kontemporanju Austin Camilleri. Permezz ta’ din il-mawra l-istudenti setgħu jaraw tipi ta’ bibien differenti, uħud forsi mhux daqshekk konvenzjonali bħal ma ngħidu aħna, l-mitjar u l-Port il-Kbir li huma l-bibien bejn Malta u pajjiżi oħrajn. Għal din il-mawra ingħaqdu ma’ studenti tal-iskola medja tal-Kulleġġ San Tumas Moore ta’ Ħal Tarxien. Din l-esperjenza kienet għalhekk importanti mhux biss għall-interess storiku u artistiku, iżda anke fuq livell soċjali.

Fit-tieni parti l-istudenti ħadmu sabiex jittrasformaw l-esperjenza tagħhom fl-ewwel parti f’soundscape. Dan ikkonsista f’ħidma mużikali permezz tal-vuċi u strumenti. L-istudenti ħadmu ma’ Alex Vella Gregory sabiex jittrasformaw l-ispazji li raw f’mużika. Preżenti waqt il-workshop kien hemm l-artista Yasmin Kuymizakis tirrekordja kollox. Yasmin hija artista li taħdem fuq mużika elettronika u hija ser tuża x-xogħol tal-istudenti biex toħloq soundscape sabiex jintuża fl-installazjoni finali waqt Żigużajg.

Fl-aħħar parti tal-proġett l-istudenti ħadmu fuq biċċa xogħol artistika flimkien mal-artista Elisa von Brockdroff. Hi ħadmet fuq l-idea tal-ktieb bħala bieb għal dinjiet oħra. L-istudenti ħolqu djar magħmula minn kartonċin u kotba riċiklati, u mżejna b’disinji differenti. Dawn id-djar issa sejrin jintużaw, flimkien mal-mużika, fl-installazzjoni finali għal Żigużajg. Il-wirja finali ser tkun ikkurata minn Lisa Gwen Baldacchino.

Is-Sur S. Farrugia u s-Sa. D. Mizzi Gatt

Comments are closed.