Jum it-Tifkira

Ta’ kull sena fix-xahar ta’ Jannar l-iskola tagħna mal-bqija tad-dinja tfakkar il-vittmi tal-Olokawst. Kien propju fi żmien it-tieni gwerra dinjija li seħħ l-akbar ġenoċidju tas-seklu għoxrin li fih inqatlu sitt miljun Lhudi.

Din is-sena kellna fostna ġewwa l-iskola lis-Sur Patrick Siegele miċ-Ċentru Anne Frank ġewwa Berlin, il-belt kapital tal-Ġermanja. Is-Sur Siegele ltaqa’ ma’ grupp ta’ studenti tas-seba’ sena u flimkien magħhom mexxa workshop fuq il-ħajja ta’ Anne Frank, tifla li fis-sena 1934 flimkien mal-familja tagħha kellha taħrab mill-Ġermanja lejn l-Olanda minħabba l-mibegħda li bdiet tinżera’ lejn il-Lhud. Il-missier ħeba lill-familja tiegħu ġo kmamar sigrieti wara l-uffiċċji tal-kumpanija li kellu ġewwa Amsterdam. Meta Anne għalqet tlettax-il sena qalgħet ktieb ċkejken abjad bl-aħmar u b’katnazz żgħir fuq quddiem li hi bdiet tuża bħala djarju. Fis-sentejn li damet moħbija Anne kitbet id-djarju tagħha, djarju li għadu jeżisti sal-lum. Fl-4 ta’ Awwissu Anne u l-familja tagħha ġew arrestati wara li kixifhom xi ħadd. Anne, ommha u oħtha mietu fil-kampijiet tal-konċentrament.

Anne Frank kienet toħlom li xi darba fid-dinja għad ikun hawn il-paċi u t-trankwillità.

Ejja flimkien nippruvaw inkunu aktar tolleranti u naċċettaw lill-oħrajn ħalli forsi xi darba l-ħolma ta’ Anne Frank issir realtà.

Is-Sa D. Dimech
Kap tad-Dipartiment tal-Ġermaniż