Is-27 ta’ Jannar huwa l-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawst. F’ din il-ġurnata nfakkru l-miljuni ta’ Lhud li nqatlu min-Nazzisti fit-tieni gwerra dinjija fil-kampijiet tal-konċentrament.
Fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945 l-armata Russa kienet daħlet fil-kampijiet tal-konċentrament ta’ Auschwitz u Birkenau fil-Polonja u ħelset lill-priġunieri li kien għad fadal ħajjin. F’dawn iż-żewġ kampijiet biss kienu nqatlu l-fuq minn miljun u nofs ruħ. B’kollox kienu nqatlu l’ fuq minn sitt miljun Lhudi.
Biex infakkru din il-ġrajja, l-istudenti tal-Ġermaniż ħejjew attivita’ qasira għal waqt l-assembly. Bdejna billi urejna filmat qasir li juri ritratti ta’ x’ġara dak iż-żmien. Studenta spjegat xi jfisser dan il-jum u għala jiġi iċċelebrat. Spjegat li huwa żball kbir li ninsew. Irridu niftakru x’ġara biex dak li seħħ ma jerġax jirrepeti ruħu. Din il-ġrajja għandha tfakkarna f’kemm għandna nkunu tolleranti ma‘ l-oħrajn hu x inhu t-twemmin tagħhom u hi x’inhi ir-razza tagħhom.
Wara komplejna billi studenti oħrajn qraw siltiet mid-djarju ta’ Anne Frank, tifla li mietet f’kamp ta’ konċentrament. Anne Frank twieldet fit-tnax ta‘ Ġunju 1925 ġewwa Frankfurt fil-Ġermanja. Il-familja ta‘ Anne kienet familja Lhudija. Missierha kien jismu Otto u ommha kien jisimha Edith. Oħtha kien jisimha Margot. Fis-sena 1934 il-familja ta‘ Anne kellha taħrab mill-Ġermanja lejn l-Olanda minħabba l-mibegħda li bdiet tinżera lejn il-Lhud.
Meta Anne għalqet tlettax-il sena qalgħet ktieb ċkejken abjad bl-aħmar u b‘ katnazz żgħir fuq quddiem li hi bdiet tuża bħala djarju. F’Lulju tas-sena 1942 oħt Anne irċeviet ittra biex tmur ġo kamp tax-xogħol. Minħabba f’hekk il-missier ħeba lill-familja tiegħu ġo kmamar sigrieta wara l-kumpanija li kellu. Il-bieb li kien jagħti għal dawn il-kmamar kien mgħotti bi xkaffar tal-kotba. L-uniċi nies li kienu jafu bihom kienu erba ħaddiema tal-kumpanija li kienu jġibulhom bil- moħbi l-ikel u l-bżonnijiet ta’ kuljum. Fis-sentejn li damet moħbija Anne kitbet id-djarju tagħha li għadu jeżisti sal-lum.
Fl-4 ta’ Awwissu Anne u l-familja tagħha ġew arrestati wara li kixifhom xi ħadd. Fit-tmienja ta’ Awwissu ġew meħuda f’kamp tal-konċentrament ġewwa l-Olanda. F’ Settembru ittieħdu fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fil-Polonja. Hemmhekk Anne, oħtha u ommha kellhom jagħmlu xogħol iebes ħafna. Xahrejn wara Anne Frank u oħtha Margot ġew meħuda f’ kamp tal-konċentrament ieħor fil-Ġermanja. Ommha baqgħet Auschwitz u mietet bil-ġuħ. Anne u oħtha Margot mardu u mietu ftit jiem wara xulxin. Missierhom irnexxielu jsalva u wara l-gwerra waħda mill-ħaddiema li kienu għinuhom meta kienu moħbijin tagħtu d-djarju ta’ Anne li hi kienet sabet fil-moħba.
Wara il-kap ta’ l-iskola, is-Sur Emile Vassallo u l-Principal tal-kulleġġ, is-Sur James Camilleri qasmu magħna ħsieb qasir tal-okkazzjoni.
Temmejna din l-attivita’ billi ġew imħawwla erba’ siġriet taż-żebbuġ biex jikkommemoraw din il-ġrajja u biex iwasslu messaġġ ta’ paċi. Dawn is-siġriet ġew ġentilment offruti lilna minn F. Zammit Garden Centre, Derek Garden Centre, Parisio Nursery u Calamatta Landscapes Ltd.