Jum il-Memorja

Ikolli nammetti li ta’ kull sena nemozzjona ruħi meta fix-xahar ta’ Jannar ġewwa l-iskola nfakkru Jum il-Memorja. F’dan il-jum infakkru meta fis-27 ta’ Jannar, l-armata Russa kienet ħellset lil-Lhud li kienu għadhom ħajjin fil-kampijiet tal-konċentrament ġewwa Auschwitz u Birkenau fil-Polonja.

Ġewwa Auschwitz bejn is-sena 1941 u s-sena 1945, in-Nazi kienu qatlu 1.1 miljun ruħ ġol-erba’ kmamar tal-gass u l-madwar. In-Nażi kienu ppruvaw jeqirdu l-kamp biex jaħbu kull prova ta’ dan il-ġenoċidju, imma ma rnexxielhomx. Meta daħlu ġewwa dawn il-kampijiet, ir-Russi sabu tistennihom xena tal-biża’. Nies bla ħajja, oħrajn skeletri ħajjin. Sabu 370,000 libsa tal-irġiel u 837,000 libsa tan-nisa. Sabu ukoll 7.7 tunnellata xagħar tan-nies.

Illum aħna b’tifkira ta’ din it-traġedja umana, f’assembly speċjali li għamilna għall-istudenti tal-iskola tagħna, poġġejna mistoqsija li sfortunatament ma sibna l-ebda tweġiba għaliha. Kif jista’ l-bniedem jagħmel dan kollu?

Khansa Altlas, studenta fit-tieni sena, li ġejja mis-Sirja qasmet magħna l-esperjenzi tagħha meta kienet għadha tgħix is-Sirja, pajjiż mifni bil-gwerra. Tiftakar meta kienet żgħira ħafna, tilgħab ma’ ħutha u sħabha. Imbagħad il-gwerra u quddiem għajnejha reġgħu tfaċċaw b’dieqa l-ajruplani għaddejjin fuq rasha u l-bombi neżlin fuq id-djar. Tiftakar ukoll meta kellha tfittex lil ommha wara li bomba waqgħet fuq l-iskola li kienet tattendi u xi tfal, ħbieb tagħha, sfaw mejta fl-iskola u oħrajn feruti. Dan hu Olokawst ieħor!

U għalfejn il-bniedem qatt ma tgħallem minn dak li ġara? Għaliex kapaċi jerġa’ jirrepeti dawk il-ħruxijiet? Ma ninsewx li min dak iż-żmien għamel dawk il-ħruxijiet, ma kinux mostri. Kienu bnedmin bħalek u bħali. Ħadd minna ma jemmen li hu kapaċi jagħmel bħal ma għamlu n-Nażi, imma kemm –il darba weġġajna lil ħaddieħor, forsi minħabba kulur, razza, reliġjon jew ġeneru? Jista’ jkun dan hu Auschwitz tal-lum?

Is-Sa. D. Dimech
Għalliema tal-Ġermaniż