Jum iċ-Ċelebrazzjoni…L-Iljun Sultan

Kull sena ġewwa l-iskola tagħna jittella’ Jum iċ-Ċelebrazzjoni. Dan huwa jum li fih l-istudenti jiċċelebraw il-kisbiet edukattivi tagħhom u dak kollu li jagħmilhom persuni aħjar.

Din is-sena għal din l-okkażjoni, grupp ta’ studenti ħadmu flimkien ma’ grupp ta’ għalliema biex flimkien jipproduċu l-film l-Iljun Sultan, fuq kitba ta’ Trevor Żahra. L-istorja tal-Iljun Sultan għal ħafna hija biss storja animata li ftit tas-snin ilu dehret fiċ-ċinema u fuq it-televiżjoni, imma jkolli ngħid li għalija din l-istorja hija xi ħaġa aktar minn hekk. Għalija l-istorja tal-Iljun Sultan hija ispirazzjoni.

Din l-istorja turina li l-ħajja mhux dejjem tkun faċli. Niltaqgħu m’ ostakli li jtellfuna milli nkomplu għaddejjin. Min minna qatt ma ltaqa’ ma’ Scar? Nies li jittraduna, jidħku bina, jabbużaw mill-innoċenza u l-onestà tagħna? Iva sfortunatament jeżistu dawn in-nies, li jħallu marka fuq ħajjitna. Din l-istorja tgħallimna li ħafna drabi n-nies l-eqreb tagħna jafu jkunu l-akbar għedewwa tagħna.

Imma l-istorja ma tiqafx hemm. Simba jgħallimna li qatt m’ għandna naħarbu mill-biżgħat tagħna u li dejjem għandna niġġieldu għal dak li hu tagħna bi dritt. U nixtieq nispiċċa b’messaġġ għalikom ilkoll: Ħakuna Matata! ☺ Iva ħbieb, jalla dan ikun il-motto tagħkom! Għal min ma jafx x’tifsira għandha din il-frażi. Din tfisser: Tinkwetawx! Għixu ħajjitkom u ħallu lil ħaddieħor jgħix tiegħu! Is-sliem!

 

 

Is-Sa. D. Dimech
Għalliema Organizzatriċi