Jum iċ-Ċelebrazzjoni – Bla Internet

Illum il-ġurnata timmaġinak tgħix mingħajr internet? Mingħajr Google Maps?  Timmaġinak toqgħod tieħu r-ritratti u ħadd ma jista’ jagħmillek like? Timmaġinak tgħix mingħajr Facebook? Naħseb huma ftit dawk fostkom li jgħidu li iva jimmaġinaw lilhom infushom jgħixu hekk.

Qed ngħixu f’era fejn sirna niddependu wisq mill-internet. Iżda x’jiġri jekk inqumu filgħodu u niskopru li mhux se jkollna internet għal żmien twil?….Ħajjitna tinqaleb ta’ taħt fuq u kien proprju dan ix-xenarju li studenti mis-seba’ u t-tmien sena ppreżentaw lill-pubbliku f’Jum iċ-Ċelebrazzjoni ta’ din is-sena permess tal-kummiedja Bla Internet. B’mod xi ftit esaġerat u forsi xi ftit komiku ppreżentaw raħal li jispiċċa mingħajr internet. Rajna kif ġiet affettwata l-ħajja ta’ dawn in-nies li jirrappreżentaw lis-soċjetà tagħna. U bħal f’ kull ħaġa, il-bniedem dejjem irid isib f’min iwaħħal. F’dan il-każ weħel is-Sindku.

Din il-kummiedja mnebbħa mill-istorja The Day the Internet Died ta’ Ian McWethy u Jason Pizzarello ġiet miktuba mis-Sur Andrè Penza li dderiġieha flimkien mas-Sa Stefania Attard u s-Sa Daniela Dimech.

Is-Sa D. Dimech
Direttriċi