Jum Dun Karm

F’Ottubru ta’ kull sena nfakkru l-anniversarju tat-twelid tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Għalhekk nhar il-Ħamis, 19 t’Ottubru, 2017, xi studenti tal-Ħdax –il Sena tal-iskola tagħna kellhom l-opportunita’ li jattendu għal ċerimonja ta’ tifkira li ġiet organizzata mid-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar. Bħal kull sena, din ittellgħet f’Ħaż-Żebbuġ, raħal twelid il-Poeta Nazzjonali.

L-attivita’ bdiet bl-inawgurazzjoni tas-sala tal-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ. Imbagħad il-programm inkluda wkoll xi kant animat u reċti minn xi studenti ta’ din l-iskola, kif ukoll attivitajiet interattivi fosthom filmat bijografiku. Wara, kien hemm xi studenti li  ntervistaw lil Dr. Adrian Grima, riċerkatur fuq ix-xogħlijiet ta’ Dun Karm. Fl-aħħar, xi studenti minn kull kulleġġ li attenda, irrappreżentaw lil sħabhom f’xi kwiżż jew logħob mħejji għalihom dwar il-ħajja tal-poeta u l-kitbiet u l-poeżiji tiegħu. L-istudenti tal-iskola tagħna pparteċipaw bi ħġarhom fi kwiżż u ħadu interess kbir, tant li rnexxielhom ikunu rebbieħa. Huma ngħataw ktieb bħala tifkira.

Imbagħad l-attivita’ kompliet b’korteo mis-sala tal-iskola saċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ f’ Ħaż-Żebbuġ fejn hu midfun il-poeta nazzjonali. L-istudenti setgħu jżuru l-kappella ċkejkna fiċ-ċimiterju u poġġew bukkett fjuri fuq il-lapida tiegħu.

Kienet esperjenza interessanti għall-istudenti li attendew, li żgur se sservihom tajjeb ukoll għall-eżami tal-Matrikola.

Is-Sa. A. Vella
Għalliema tal-Malti