Nhar il-Ġimgħa, 17 t’Ottubru 2014 aħna l-istudenti mill-klassijiet 201 u 202 ipparteċipajna f’attività mtellgħa f’ġieħ il-Poeta Nazzjonali, Dun Karm. Iltqajna ġewwa l-Iskola Primarja tal-Furjana fejn kienu preżenti għadd ta’ studenti u għalliema minn Kulleġġi differenti ta’ Malta. Minn hemm bdejna mexjin sakemm wasalna quddiem il-monument ta’ Dun Karm.
Hekk kif wasalna, tkantat il-poeżija “L-Għanja tal-Imħabba” mill-kantanta magħrufa Doreen Galea. Sar diskors għall-okkażjoni mill-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo. Student mill-Iskola Sekondarja Ogħla qara bijografija qasira ta’ Dun Karm. Inqraw ukoll tliet poeżiji ta’ tifħir lil Malta tal-istess poeta:
“Malta Ġawhra tal-Mediterran”
“Żewġ Qronfliet”
“Lil Malta”
F’attività ddedikata proprju lil Dun Karm ma setax jonqos li jindaqq u jitkanta l-Innu Malta minn dawk kollha preżenti. L-istudenti Rebecca Buttigieg (201) u Noileen Zammit (201) ippreżentaw bukkett tal-fjuri taħt il-monument ta’ Dun Karm f’isem l-iskola tagħna.
Kienet esperjenza sabiħa għalina fejn tgħallimna aktar dwar il-Poeta Nazzjonali tagħna, dwar is-sbuħija tal-poeżija u s-sentimenti qawwija li twasslilna. Il-poeżija mhijiex tal-poeti biss imma hija ta’ kulħadd. Id-Direttur Ġenerali, Ian Mifsud għadda l-messaġġ li Dun Karm, permezz tal-kitba tiegħu, irnexxielu jqanqal emozzjonijiet kbar u jħalli influwenza fuq ħafna favur l-Ilsien Malti. Bħalu, għandna nagħrfu li dil-kapaċità tinsab ukoll f’kull wieħed u waħda minnha.
“L-imħabba tal-ilsien tagħna
jeħtieġ tiġi minn ġewwa,
jekk irridu, kif jixraq
inkunu Maltin sewwa.”
minn Nar tat-Tiben, Dun Karm