Jissoktaw il-laqgħat ma’ kittieba Maltin

Id-dipartiment tal-Malti baqa’ għaddej b’ħidma sfiqa biex jipprovdi opportunitajiet varji ta’ tagħlim lill-istudenti tagħna. Din is-sena ħadna impenn sħiħ biex nistiednu lill-awturi kollha tal-erba’ kotba li qegħdin jaqraw l-istudenti tas-seba’ sena. Wara ż-żjarat tas-Sa Roberta Bajada u s-Sa Ruth Frendo, fit-tieni term lqajna żewġ awturi oħra: is-Sur John Bonello u s-Sur Ġorġ Mallia.

John Bonello huwa l-awtur tas-serje investigattiva u ferm popolari ‘Irvin Vella’. Xi studenti tas-seba’ sena qegħdin jaqraw il-ktieb ‘Il-Każ Manduca’ ta’ din is-serje. Qabel din it-taħdita, l-istudenti ġew imħejjija flimkien mal-għalliema tal-Malti tagħhom, sabiex jiktbu għadd ta’ mistoqsijiet biex jistaqsuhom lill-awtur. Fil-fatt, dit-taħdita kienet interattiva ħafna għax f’xi waqtiet l-istudenti tagħna ħadu r-rwol ġurnalistiku. Ħadna gost naraw l-interess tat-tfal sabiex isiru jafu x’qanqal lill-awtur biex jibda jikteb, kemm idum biex ilesti ktieb, kif iħossu meta jara l-kotba tiegħu jiksbu suċċess, u x’inhuma l-kotba favoriti tiegħu. John Bonello ħa gost iwieġeb u jispjega li l-kitba hija parti integrali minn ħajtu; sostna li jikteb kemm għat-tfal u kemm għall-kbar u għalkemm għandu xi xogħlijiet bl-Ingliż, jippreferi jesprimi lilu nnifsu f’kitbietu bil-Malti.

Ġorġ Mallia huwa l-kap tad-dipartiment tal-Fakultà tal-Midja u l-Komunikazzjoni ġewwa l-Università ta’ Malta. Huwa awtur ta’ diversi kotba tat-tfal li għal ħafna minnhom għamel l-illustrazzjonijiet tagħhom hu stess. Uħud mill-istudenti tagħna qegħdin jaqraw il-ktieb tiegħu ‘Il-Professur Għasfur’ u għaldaqstant, waqt it-taħdita, Ġorġ Mallia tkellem dwar l-avventura tal-Professur Għasfur – dan il-ġenju misterjuż – il-fekruna tiegħu u Katrin. L-istudenti ħadu gost ħafna jisimgħuh u jispekulaw miegħu kif tista’ tkompli din il-ġrajja. L-istudenti setgħu jammiraw ukoll il-ħeffa li biha pinġa l-Professur Għasfur fuq il-bord u min-naħa tiegħu, Mallia, ma qagħadx lura milli jistqarr mat-tfal li xi kultant, l-ewwel jagħmel it-tpinġijiet u mbagħad jibda jikteb il-ktieb.

Is-Sa S. Apap
Kap tad-Dipartiment tal-Malti