Iż-Żjara tal-President ta’ Malta

Fit-12 ta’ Diċembru 2017, il-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca għoġobha tagħmel żjara fl-iskola tagħna bħala parti mill-kampanja L-Istrina. Jilqgħuha fis-sala tal-iskola kien hemm l-istudenti kollha flimkien mal-amministrazzjoni u l-istaff. Filwaqt li ġeddedt il-memorji sbieħ ta’ tfulitha ġewwa l-iskola tagħna bħala studenta, il-President ta’ Malta saħqet fuq il-bżonn li nitgħallmu nirrispettaw lil xulxin, li jimpurtana minn xulxin u li ngħinu lil min hu fil-bżonn. Saħqet li huma dawn il-valuri li jiddistingwu lill-poplu Malti minn popli oħra u li kull wieħed u waħda minna għandu jgħaddi dawn il-valuri lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Talbet lill-istudenti biex ikunu l-attivisti tas-solidarjetà, l-attivisti tar-rispett biex f’pajjiżna jkun hawn il-paċi.Spjegat li huwa importanti li l-poplu Malti jingħaqad u jinsa d-differenzi kollha li jista’ jkun hemm. Spjegat kif il-Fond tal-Istrina jgħin numru kbir ta’ familji Maltin li jkollhom bżonn għajnuna speċjalment għall-kura minn mard.

Flimkien mal-President ta’ Malta ġie l-preżentatur u attur famuż, Ben Camille. Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti dik ix-xi ħaġa żgħira waqt il-kampanja L-Istrina. Stqarr li hemm stejjer li jaqsmulu qalbu u rrakkonta l-istorja ta’ tifel ċkejken rikoverat ġewwa l-isptar Mater Dei li kull ma xtaq għall-Milied kien li jfieq biex ma jarax lil ommu tibki aktar.

F’diskors qasir mill-Kap tal-Iskola, is-Sa Annabelle Borg Gaffarena irringrazzjat lill-President ta’ Malta għall-ħidma sfiqa tagħha fost dawk kollha li għandhom bżonn. Fl-aħħar taż-żjara tqassmu lapsijiet tal-Istrina bħala tifkira.