Is-Sbejħa u l-Mostru – Pantomima 2013
Għaddiet sena oħra u wasal Milied ieħor! Inħossni xjaħt mis-sena l-oħra lil hawn, imma l-aħwa il-memorja tiegħi għadha tajba u niftakar sew li s-sena l -oħra issugrajt inwegħdkom pantomima isbaħ u aħjar! Tiftakru? U ħa ngħidilkom dis-sena kellna biex nitqazzu! Kellna kustumi mill-isbaħ u make up professjonali. Il-popolarita tagħna bħala atturi kompliet tizdied u sirna l-għira ta’ kulħadd! Bi ftaħir nistgħu ngħidu li qed nissudaw!!
Nimmaġina li kulħadd jaf bl-istorja tas-Sbejħa u l-Mostru. Imma li ma tafux hu li ħadd qatt ma ssogra jgħidilkom l-istorja vera!! Ara aħna għamilna riċerka profonda u studju dettaljat u kellna l-kuraġġ nwasslu lil kulħadd l-istorja kif vera ġrat! Ħadd qatt ma ssogra jitkellem fuq l-imħabba bejn is-Sur Harry Ħarbat u Gerfex, missier is-Sbejħa Juliet u l-ġara tiegħu, Daisy Dandelion Debono Galizia.
Avolja tafux, għal Daisy ma kinitx ħaġa faċli li tirbaħ l-imħabba ta’ dan ix-xjenzat naqra spissjat li aktar kien moħħu f’ Farfettus Rarissimus Levissimus Purissimus milli fiha. U ejja ngħidu s-sew … Imnalla kienu l- fairies Jilly u Lilly u l-vleġġa maġika tagħhom għax kieku Daisy kienet tibqa’ bix-xewqa.
U l-Mostru? Xi ngħidu għalih? Kienet ħaġa faċli għalih li jirbaħ l-imħabba tas-Sbejħa Juliet? Bi ftit għajnuna ta’ Mrs Potts, Cupsie, Enemalte, Ticky u Ms Rix , ħaddiema fil-palazz u tas-saħħara t-tajba, Rosie kollox mexa ħarir avolja kellna nikkumbattu kontra Gustav li tilef għaqlu wara Juliet!
U kif jaf min rana, kienet ġlieda qalila mmens!! Uzajna xwabel, zkuk, xkupi, borom … insomma kull ma ġie għal idejna!! Imma fl-aħħar is-sewwa ħareġ rebbieħ!! Anzi ejja npoġġuha aħjar .. l-imħabba ħarġet rebbieħa … Avolja skond Veffa, is-saħħara l-ħazina, l-imħabba ma tezistix!! Imma tajniha risposta!!
U-s-sena d-dieħla ? Tgħid nagħmlu oħra? U mela le!!
Narawkom is-sena d-dieħla! U ħa nitfanfar ftit ejja … b’pantomima aqwa u aħjar!!
Daniela Dimech