Il-Malti u l-Istorja jiltaqgħu ġewwa il-Bibljoteka Nazzjonali u l-Mużew Tal-Arkeoloġija

Nhar il-Ġimgħa 20 t’April, l-istudenti tas-seba’ sena, eżattament il-101, 102 u 103, qattgħu nofstanhar ġewwa l-Belt Valletta. L-ewwel waqfa qasira kienet propju fil-pjazza ta’ quddiem Kastilja u hemmhekk l-istudenti raw uħud mill-istrutturi li hemm fil-pjazza li huma marbutin mal-qwiel Maltin, uħud minnhom li saru matul is-sena fil-klassi wkoll.

L-istudenti kellhom l-opportunità japprezzaw l-eqdem testi, jaraw poeżiji u kitbiet ta’ awturi Maltin bħal Agius De Soldanis u Ġan Anton Vassalli, kif ukoll jaraw manuskritti li jmorru lura għal bosta snin ġewwa l-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta. Żgur li għal ħafna dawn il-kitbiet hekk qodma ħallew ftit iktar kurżità dwar l-istorja ta’ pajjiżna u tal-lingwa tagħna. Peress li dan il-bini kien l-aħħar wieħed ta’ żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, stajna napprezzaw ukoll l-arkitettura tiegħu.

Wara din iż-żjara qasira, doqna ftit mill-ħajja mgħaġġla fi Triq ir-Repubblika u żorna l-Mużew tal-Arkeoloġija. Hemmhekk l-għalliem tal-Istorja, is-Sur S. Vella, kellu ċ-ċans jispjega dak li mdorrijin jisimgħu bih fil-klassi, bid-differenza li hawnhekk setgħu jarawh. Rajna fdalijiet li jmorru lura miż-żmien Neolitiku sa żmien il-Feniċi; fosthom għodod li kienu jintużaw u rappreżentazzjonijiet ta’ figuri t’annimali u bnedmin. Żgur li f’din iż-żjara spikkat ir-rappreżentazzjoni tal-Mara r-Rieqda u s-“sarcophagus”.

B’dawn iż-żewġ żjarat laqqajna żewġ suġġetti li fihom ħafna x’joffru, mhux biss għax l-istorja tal-lingwa nazzjonali tagħna hija rikka u tħalltet ma’ għadd ta’ lingwi oħra, iżda wkoll għax l-istorja ta’ pajjiżna hija twila, imżewqa b’ħafna ħakmiet u ferm interessanti, bis-saħħa wkoll tal-pożizzjoni tagħna f’nofs il-Mediterran.

Is-Sa. M. Vella, is-Sa. K. Fenech u s-Sur S. Vella
Għalliema tal-Malti u tal-Istorja