Il-Kunsill tal-Istudenti

L-iskola tagħna taħdem bis-sħiħ sabiex l-istudenti jkollhom vuċi fl-attivitajiet li jseħħu fl-iskola. Huwa minħabba dan li, fl-interess tal-imparzjalità, erba’ studenti minn kull sena ġew eletti b’mod demokratiku mill-istudenti stess sabiex jirrappreżentawhom. Dan biex kulħadd ikun jista’ jagħti kontribut lill-iskola.

Waħda mit-talbiet tal-istudenti stess kienet il-hot chocolate day. Din seħħet fit-23 u fil-25 ta’ Jannar. Il-Kunsill qiegħed ukoll jaħdem fuq għadd ta’ proġetti oħra li, għal darb’oħra, kienu l-istudenti stess li ħarġu bihom, fosthom jeans day u cupcake day, li ser ikunu qegħdin iseħħu fix-xhur li ġejjin. B’dan il-mod, l-iskola kollha jkollha l-opportunità li tesperjenza xi ħaġa differenti mir-rutina tas-soltu u hekk tingħata aktar ħajja b’dawn l-attivitajiet. Flimkien ma’ dawn l-attivitajiet, l-istudenti tal-Kunsill kienu parti fundamentali mill-Parents’ Day fejn taw daqqa t’id lill-iskola sabiex din il-ġurnata tkun tista’ tirnexxi.

Għalhekk, l-istudenti huma mħeġġa sabiex jagħtuna xi suġġerimenti jew ilmenti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħidma tal-Kunsill hija msejsa fuq ix-xewqat tal-istudenti stess!

Is-Sa G. Mifsud
Għalliema tal-Malti