Il-Festival Nazzjonali tal-Kotba

There is no friend as loyal as a book.
Ernest Hemingway

Nhar il-Ħamis 8 ta’ Novembru u l-Ġimgħa 9 ta’ Novembru, xi klassijiet tas-seba’ u t-tmien sena mill-iskola tagħna attendew il-fiera tal-ktieb. Il-fiera tal-ktieb huwa appuntament annwali importanti; okkażjoni sabiħa biex wieħed jixtarr u jintilef f’festa ta’ kotba.

Fin-nofstanhar li għamilna hemmhekk, segwejna programm interessanti. L-ewwel rajna rappreżentazzjoni teatrali mnebbħa mir-rumanz ‘Fittixni’ tal-awtriċi Antoinette Borg. Din ir-reċta qasira kienet imtellgħa minn xi studenti tal-Malta Visual and Performing Arts School. L-istudenti tagħna ħadu ħafna gost u tant interessathom l-istorja li wara, ħafna minnhom riedu jixtru l-ktieb biex ikunu jafu kif jissokta r-rakkont.

Wara stajna nduru d-diversi stands ta’ kotba li kien hemm armati. L-istudenti setgħu jiffamiljarizzaw irwieħhom ma’ kotba ġodda u ma’ oħrajn inqas ġodda. Ħadu gost iqallbu, jistaqsu u jaraw il-kotba esebiti. Għal xi wħud mill-istudenti, din kienet l-ewwel darba tagħhom li marru l-fiera u għaldaqstant, kienet esperjenza ġdida għalihom. Xi studenti ħasbu fil-familjari tagħhom u xtraw xi kotba għalihom ukoll. Oħrajn ħadu l-opportunità biex xtraw xi rigal għall-Milied lil qrabathom u ħbieb.

Din il-ħarġa ġewwa d-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi kienet waħda edukattiva tassew! Huwa importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu esposti għall-kotba minn età bikrija. Tfal li jikbru mdawrin bil-kotba jitgħallmu jħobbu l-kotba. Il-ktieb jiftaħlek twieqi żgħar fuq diversi suġġetti; huwa pont maġiku li iktar kemm itterraq fih iktar tgħix ħajjiet u tasal biex tifhem aħjar ir-realtajiet differenti tad-dinja.

Is-Sa S. Apap
Kap tad-Dipartiment tal-Malti