Ħsejjes ta’ Valuri – Proġett tal-Youth Worker tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca

‘Ħsejjes ta’ Valuri’ huwa proġett ta’ Arti u Mużika fejn grupp ta’ studenti tat-tmien sena mill-iskola Medja tal-Blata l-Bajda kienu magħżula biex jieħdu sehem. Dan il-proġett kien maħluq mill-Youth Worker tal-Kulleġġ b’kollaborazzjoni mal-Learning Support Zone (LSZ) tal-Iskola kif ukoll bl-għajnuna tal-għalliema tal-Arti. L-għan ta’ dan il-proġett hu li l-istudenti jitgħallmu iktar fuq l-importanza tal-valuri f’ħajjitna waqt li jkunu qedgħin joħolqu tnabar tal-mużika mill-kartun riċiklat.

[Best_Wordpress_Gallery id=”25″ gal_title=”Hsejjes ta Valuri”]

 

Dan il-proġett iffoka fuq sezzjonijiet ta’ tagħlim fuq valuri u kemm hu importanti li f’ħajjitna ngħixu b’valuri tajbin. L-istudenti kellhom diskussjonijiet fuq valuri bħar-rispett, ħbiberija soda, mħabba ġenwiena, fost bosta oħrajn. Kull student imbagħad għażel il-valuri li xtaq jikteb fuq it-tanbur tiegħu. l-istudenti kellhom sezzjonijiet mal-għalliema tal-Arti, Ms Debattista, fejn għenithom jagħmlu d-diżinni tal-kliem kif ukoll biex jiżbgħu t-tnabar bil-kulur. Wara li t-tnabar kienu lesti bħala strumenti, l-istudenti kellhom taħriġ mal-Youth Worker, Ms Camilleri, fuq kif se jdoqqu xi diski permezz ta’ dawn it-tnabar bl-għajnuna tal-għalliema tal-LSZ, is-Sa. D. Ferrante u l-LSA tal-LSZ , is-Sa. S. Galea.

Dawn l-istudenti ħadmu tassew tajjeb bħala grupp u kienu ferm kuntenti li permezz ta’ dan il-proġett huma marru fl-iskola primarja tal-Ħamrun SS u għamlu kunċert żgħir quddiem l-istudenti tal-ewwel sena. L-istudenti ż-żgħar verament ħadu gost kif ukoll ipparteċipaw magħna. Wara li din iż-żjara kienet suċċess għamilna żjara oħra ferm speċjali fir-residenza tal-Anzjani tal-Little Sisters of the Poor ġewwa l-Ħamrun. Hawnhekk l-istudenti tagħna ukoll għamlu kunċert żgħir quddiem ir-residenti anzjani fejn daqqejna ukoll kanzunetti antiki Maltin. L-Anzjani tant ħadu gost li ma ridux li nitilqu minn hemm. L-anzjani, bħat-tfal tal-ewwel sena, kellhom ċans idoqqu flimkien magħna permezz ta’ shakers (ukoll magħmula minn oġġetti riċiklati).

Dawn iż-żewġ kunċerti kienu tassew emozzjonali kemm għal istudenti tagħna, għalina li konna qed nakkumpanjawhom kif ukoll għal udjenza li kellna. L-istudenti tagħna esperjenzaw tassew x’jfisser il-valur tal-Volontarjat. Huma tassew fehmu l-kunċett li meta tagħti ħinek u l-ħiliet tiegħek lil ħaddieħor, inti tkun qed tieħu ħafna aktar lura. L-istudenti li ħadu seħem f’dan il-proġett huma: Scott Abela, Amir Amhamed, Lucky Luis Chetcuti, Shaun Camilleri, Ian Celeste u Osman Omar.

Is-Sa. S. Camilleri
Youth Worker