Diskursata ma’ The Travellers

Id-dipartiment tal-Malti fi ħdan l-iskola tagħna jaħdem qatigħ u jieħu kull ċans biex jiċċelebra l-ġmiel tal-ilsien Malti u jrawwem fl-istudenti l-imħabba lejh. L-iskop tagħna hu biex filwaqt li l-Malti ma jinqatax mill-għeruq tiegħu, jingħata libsa moderna li tmexxih maż-żmien u mal-udjenza li qiegħda titgħallmu u tħaddmu.

Ftit tal-ġimgħat ilu, xi studenti tas-seba’ sena kellhom l-opportunità li jagħmlu intervista permezz ta’ telefonata Skype lil Andrew Vella; membru u l-moħħ wara l-mużika u l-lirika tal-grupp lokali famuż ħafna The Travellers. Fost affarijiet oħra staqsewh dwar: il-Malti fil-mużika, kif tinħoloq ir-rima fil-kanzunetti, it-tqanqil emottiv u l-esperjenzi personali wara l-lirika, u l-progress fix-xena mużikali ta’ pajjiżna tul iż-żminijiet. Din l-inizjattiva kienet imqanqla mill-fatt li waqt xi lezzjonijiet tal-Malti ġieli jintużaw il-kanzunetti tal-grupp The Travellers. Għaldaqstant, din l-attività serviet biex l-istudenti tagħna jisimgħu minn fomm l-awtur innifsu l-isfidi varji li jiltaqgħu magħhom bħala grupp mużikali li jipproduċi diski bil-Malti.

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja minn qalbi lill-għalliema tal-Malti kollha tax-xogħol siewi tagħhom biex stajna nilħqu l-għanijiet li fassalna sa mill-ewwel ġimgħat ta’ din is-sena skolastika.

Is-Sa S. Apap
Kap tad-Dipartiment tal-Malti