Dinja Waħda Awards

Fit-12 t’Ottubru 2017, uħud mill-istudenti li ħadmu fuq il-proġett ta’ Ġnien il-Qari, b’kollaborazzjoni ma’ Dinja Waħda (Birdlife Malta), kellhom l-opportunità li jattendu għal ċerimonja ta’ premjijiet. F’din l-attività, kulħadd ippreżenta xogħlu u l-proġett tiegħu u kulħadd ingħata xi tip ta’ rikonoxximent. Bi pjaċir kbir l-istudenti tagħna tkellmu fuq dak li ħadmu fuqu matul is-sentejn li għamlu fl-iskola medja u x’effett ħalla fuqhom dan il-proġett.

Dinja Wahda Awardsaward

Kien ta’ unur kbir għalina li ġejna rikonoxxuti fi tliet kategoriji: fidda fl-azzjonijiet li saru fl-iskola tagħna biex noħolqu kuxjenza fost l-istudenti l-oħrajn u wkoll għarfien ta’ kif għandna nipproteġu l-ambjent ta’ madwarna; bronż għall-ħidma tagħna biex ningħaqdu, nużaw u nifhmu aktar lin-natura (u dan kien possibbli bil-lezzjonijiet kollha li saru tul dan il-proġett) u fl-aħħar nett, ksibna l-aħjar rikonoxximent, tad-deheb, fl-azzjonijiet li ttieħdu tul xogħolna biex intejbu l-biodiversità. Prosit tassew lill-istudenti kollha li kienu involuti b’xi mod jew ieħor tul dan il-proġett. Huwa tassew xieraq li nirringrazzjaw lill-għalliema li ħadmu magħna f’dan il-proġett, lill-SMT tal-iskola, u fl-aħħar nett ukoll lil Ms. Desirée Falzon (Dinja Waħda Field Teacher, BirdLife Malta – Education Directorate).

Grazzi mill-qalb.

Is-Sa. M. Vella
Għalliema tal-Malti