Darba waħda …

… kien hemm saltna – Is-Saltna tal-Blata l-Bajda… saltna fejn kollox kien jimxi ħarir, fejn kulħadd kien jinħabb, fejn kulħadd kien jgħix fis-sliem, fejn kulħadd kien jgħix qisu fil-ġenna tal-art bħall-anġli …. sakemm … inqalgħalna ftit tal-inkwiet! L-imgħarrqa Reġina Segunina u s-seftura tagħha Camilla Cabeo Kardaxin bilfors riedu jaraw kif jagħmlu biex jeħilsu minn Snow White u minn Manann, l-isbaħ żewġ nisa tas-Saltna! U mnalla kienu il-Prinċep tal-Blata s-Sewda u l-President tal-Għaqda Kaċċaturi u Nassaba, s-Sur Bastjan Bum Bum li salvaw is-sitwazzjoni, għax kieku żgur is-Saltna tal-Blata l-Bajda tinsab f’luttu nazzjonali!

U ħa ngħidilkom ma kinitx biċċa xogħol faċli! Kellhom iħabbtu wiċċhom mal-qilla tar-Reġina Segunina, mal-kattiverja ta’ Camilla, mal-muskoli ta’ Uomo Tigre u .. mal-kalmezza tar-Re Jeffrinu! Imma x’tagħmel, għidulna ftit?! Mnalla kienu żewġt irġiel kuraġġużi u ma jibżgħu minn xejn u mnalla sabu lil min jgħinhom ukoll.. ejja ngħiduha kif inhi! Sabu lill-qtates, Fifi u Matty, lis-suldati fidili tas-Saltna u lin- nani li jgħixu fil-foresta viċin is-Saltna. Insomma fl-aħħar spiċċa kollox b’wiċċ il-ġid!

 

Is-sena dieħla, x’ser jiġri fis-Saltna tal-Blata l-Bajda? Stennew u taraw!

Is-Sa. D. Dimech